- Fejn tip ta’ pproċessar, b’mod partikolari bl-użu ta’ teknoloġiji ġodda, u waqt li jittieħed kont tan-natura, l-ambitu, il-kuntest u l-finijiet tal-ipproċessar, x’aktarx jirriżulta f’livell għoli ta’ riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi, il-kontrollur għandu, qabel l-ipproċessar, iwettaq valutazzjoni tal-impatt tal-attivitajiet ta’ pproċessar previsti fuq il-protezzjoni tad-data personali. Valutazzjoni waħda tista’ tindirizza sett ta’ operazzjonijiet tal-ipproċessar simili li jippreżentaw riskji għolja simili.
- Il-kontrollur għandu jfittex il-parir tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data, fejn ikun maħtur, meta jwettaq valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data.
- Valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data msemmija fil-paragrafu 1 għandha b’mod partikolari tkun meħtieġa fil-każ ta’:
- (a) evalwazzjoni sistematika u estensiva tal-aspetti personali relatati ma’ persuni fiżiċi, li hija bbażata fuq l-ipproċessar awtomatizzat, inkluż it-tfassil tal-profili, u li fuqhom huma bbażati deċiżjonijiet li jipproduċu effetti legali li jikkonċernaw lill-persuna fiżika jew li jaffettwaw b’mod sinifikanti b’mod simili lill-persuna fiżika;
- (b) l-ipproċessar fuq skala kbira ta’ kategoriji speċjali ta’ data msemmija fl-Artikolu 9(1), jew ta’ data personali relatata ma’ kundanni kriminali u reati msemmija fl-Artikolu 10; jew
- (c) il-monitoraġġ sistematiku ta’ żona aċċessibbli għall-pubbliku fuq skala kbira.
- L-awtorità superviżorja għandha tistabbilixxi u tippubblika lista tat-tipi ta’ attivitajiet ta’ pproċessar li huma soġġetti għat-talba ta’ valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data skont il-paragrafu 1. L-awtorità superviżorja għandha tikkomunika dawk il-listi lill-Bord imsemmi fl-Artikolu 68.
- L-awtorità superviżorja tista’ wkoll tistabbilixxi u tippubblika lista tat-tipi ta’ attivitajiet ta’ pproċessar li għalihom ma tkun meħtieġa l-ebda valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data. L-awtorità superviżorja għandha tikkomunika dawn il-listi lill-Bord.
- Qabel l-adozzjoni tal-listi msemmija fil-paragrafi 4 u 5, l-awtorità superviżorja kompetenti għandha tapplika l-mekkaniżmu ta’ konsistenza msemmi fl-Artikolu 63 fejn tali listi jinvolvu attivitajiet ta’ pproċessar li huma marbuta mal-offerta ta’ oġġetti jew servizzi lis-suġġetti tad-data jew għall-monitoraġġ tal-imġiba tagħhom f’diversi Stati Membri, jew li jista’ jaffettwa sostanzjalment il-moviment ħieles tad-data personali fl-Unjoni.
- Il-valutazzjoni għandha tinkludi minn tal-inqas:
- (a) deskrizzjoni sistematika tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar previsti u l-iskopijiet tal-ipproċessar, inkluż fejn applikabbli l-interess leġittimu mfittex mill-kontrollur;
- (b) valutazzjoni tal-bżonn u l-proporzjonalità tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar b’rabta mal-iskopijiet;
- (c) valutazzjoni tar-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data msemmija fil-paragrafu 1; u
- (d) il-miżuri previsti biex jindirizzaw ir-riskji, inkluż is-salvagwardji, miżuri ta’ sigurtà u mekkaniżmi li jiżguraw il-protezzjoni ta’ data personali u li juru l-konformità ma’ dan ir-Regolament, filwaqt li jiġu kkunsidrati d-drittijiet u l-interessi leġittimi tas-suġġetti tad-data u persuni oħrajn ikkonċernati.
- Il-konformità ma’ kodiċi ta’ kondotta approvati msemmija fl-Artikolu 40 mill-kontrolluri jew proċessuri rilevanti għandu jittieħed kont tagħhom fil-valutazzjoni tal-impatt tal-attivitajiet ta’ pproċessar imwettqa minn tali kontrolluri jew proċessuri, b’mod partikolari għall-finijiet ta’ valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data.
- Fejn xieraq, il-kontrollur għandu jfittex il-fehmiet tas-suġġetti tad-data jew tar-rappreżentanti tagħhom dwar l-ipproċessar maħsub, mingħajr preġudizzju għall-protezzjoni ta’ interessi kummerċjali jew pubbliċi jew għas-sigurtà tal-attivitajiet ta’ pproċessar.
- Fejn l-ipproċessar skont il-punt (c) jew (e) tal-Artikolu 6(1) ikollu bażi legali fil-liġi tal-Unjoni jew fil-liġi tal-Istat Membru li l-kontrollur huwa suġġett għaliha, u dik il-liġi tirregola l-operazzjoni jew is-sett ta’ operazzjonijiet ta’ pproċessar speċifiċi inkwistjoni, u tkun diġà ġiet imwettqa valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data bħala parti minn valutazzjoni tal-impatt ġenerali fil-kuntest tal-adozzjoni ta’ dik il-bażi legali, il-paragrafi 1 sa 3 ma għandhomx japplikaw sakemm l-Istati Membri ma jqisux li jkun meħtieġ li ssir tali valutazzjoni qabel l-attivitajiet tal-ipproċessar.
- Fejn meħtieġ, il-kontrollur għandu jwettaq rieżami biex jevalwa jekk l-ipproċessar ikunx qed isir f’konformità mal-valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data mill-inqas meta jkun hemm bidla fir-riskju mill-operazzjonijiet ta’ pproċessar.
Artikolu 35