Artikolu 34

Komunikazzjoni ta’ ksur ta’ data personali lis-suġġett tad-data

  • Meta l-ksur ta’ data personali probabbilment ikun ser jirriżulta f’riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet tal-persuni fiżiċi l-kontrollur għandu jikkomunika l-ksur ta’ data personali lis-suġġett tad-data mingħajr dewmien bla bżonn.
  • Il-komunikazzjoni lis-suġġett tad-data msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandha tiddeskrivi b’lingwaġġ ċar u sempliċi n-natura tal-ksur ta’ data personali u tinkludi mill-inqas l-informazzjoni u l-miżuri imsemmija fil-punti (b), (c) u (d) tal-Artikolu 33(3).
  • Il-komunikazzjoni lis-suġġett tad-data msemmija fil-paragrafu 1 ma għandhiex tkun meħtieġa jekk kwalunkwe waħda minn dawn il-kundizzjonijiet tkun sodisfatta:
    • (a) il-kontrollur ikun implimenta miżuri ta’ protezzjoni tekniċi u organizzattivi xierqa, u dawk il-miżuri ġew applikati għad-data personali affettwata mill-ksur ta’ data personali, b’mod partikolari dawk li jagħmlu d-data personali ma tinftiehemx minn kwalunkwe persuna li ma tkunx awtorizzata biex taċċessaha, bħall-kriptaġġ;
    • (b) il-kontrollur ħa miżuri sussegwenti li jiżguraw li r-riskju għoli għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data msemmija fil-paragrafu 1 mhux probabbli li jimmaterjalizza;
    • (c) tkun tinvolvi sforz sproporzjonat. F’każ bħal dan, minflok għandu jkun hemm komunikazzjoni pubblika jew miżura simili fejn is-suġġetti tad-data jiġu infurmati b’mod għaldaqstant effettiv.
  • Jekk il-kontrollur ma jkunx diġà kkomunika l-ksur tad-data personali lis-suġġett tad-data, l-awtorità superviżorja, wara li tkun ikkunsidrat il-probabbiltà li l-ksur tad-data personali li jirriżulta f’riskju għoli, tista’ titolbu jagħmel dan jew tista’ tiddeċiedi li xi kundizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 3 ikunu sodisfatti.