- Il-Bord għandu joħroġ opinjoni fejn awtorità superviżorja kompetenti tkun biħsiebha tadotta kwalunkwe waħda mill-miżuri hawn taħt. Għal dak il-għan, l-awtorità superviżorja kompetenti għandha tikkomunika l-abbozz ta’ deċiżjoni lill-Bord, meta hija:
- (a) ikollha l-għan li tadotta lista tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar soġġetta għar-rekwiżit għal valutazzjoni tal-impatt tal-protezzjoni tad-data skont l-Artikolu 35(4);
- (b) tikkonċerna suġġett skont l-Artikolu 40(7) jekk abbozz ta’ kodiċi ta’ kondotta jew emenda jew estensjoni ta’ kodiċi ta’ kondotta jkunux konformit ma’ dan ir-Regolament;
- (c) ikollha l-għan li tapprova l-kriterji għall-akkreditazzjoni ta’ korp skont l-Artikolu 41(3) jew korp ta’ ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 43(3);
- (d) ikollha l-għan li tiddetermina l-klawżoli standard ta’ protezzjoni tad-data msemmija fil-punt (d) tal-Artikolu 46(2) u fl-Artikolu 28(8);
- (e) ikollha l-għan li tawtorizza l-klawżoli kuntrattwali msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 46(3); jew
- (f) ikollha l-għan li tapprova regoli korporattivi vinkolanti fis-sens tal-Artikolu 47.
- Kwalunkwe awtorità superviżorja, il-President tal-Bord jew il-Kummissjoni tista’ titlob li kwalunkwe kwistjoni ta’ applikazzjoni ġenerali jew li jkollha effetti f’aktar minn Stat Membru wieħed tiġi eżaminata mill-Bord bil-ħsieb li tinkiseb opinjoni, b’mod partikolari fejn awtorità superviżorja kompetenti ma tkunx f’konformità mal-obbligi ta’ assistenza reċiproka f’konformità mal-Artikolu 61 jew għal operazzjonijiet konġunti f’konformità mal-Artikolu 62.
- Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2, il-Bord għandu joħroġ opinjoni dwar is-suġġett sottomess lilu dment li ma jkunx diġà ħareġ opinjoni dwar l-istess suġġett. Dik l-opinjoni għandha tiġi adottata fi żmien tmien ġimgħat b’maġġoranza sempliċi tal-membri tal-Bord. Dak il-perijodu jista’ jiġi estiż b’sitt ġimgħat oħra, filwaqt li jittieħed kont tal-kumplessità tas-suġġett. Fir-rigward tal-abbozz ta’ deċiżjoni msemmi fil-paragrafu 1 iċċirkolat lill-membri tal-Bord f’konformità mal-paragrafu 5, membru li ma jkunx oġġezzjona f’perijodu raġonevoli indikat mill-President għandu jitqies li jkun qabel mal-abbozz ta’ deċiżjoni.
- L-awtoritajiet superviżorji u l-Kummissjoni għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jikkomunikaw b’mod elettroniku lill-Bord, bl-użu ta’ format standardizzat kwalunkwe informazzjoni rilevanti, inkluż skont kif ikun il-każ sommarju tal-fatti, l-abbozz ta’ deċiżjoni, ir-raġunijiet li jagħmlu l-mogħdija ta’ tali miżura meħtieġa, u l-fehmiet ta’ awtoritajiet superviżorji kkonċernati oħra.
- Il-President tal-Bord għandu, mingħajr dewmien żejjed, jinforma b’mod elettroniku:
- (a) lill-membri tal-Bord u lill-Kummissjoni dwar kwalunkwe informazzjoni rilevanti li tkun ġiet ikkomunikata lilu bl-użu ta’ format standardizzat. Is-segretarjat tal-Bord għandu jipprovdi, fejn meħtieġ, traduzzjonijiet ta’ informazzjoni rilevanti; u
- (b) lill-awtorità superviżorja msemmija, skont kif ikun il-każ, fil-paragrafi 1 u 2, u lill-Kummissjoni dwar l-opinjoni u jagħmilha pubblika.
- L-awtorità superviżorja kompetenti ma għandhiex tadotta l-abbozz ta’ deċiżjoni tagħha msemmi fil-paragrafu 1 fil-perijodu msemmi fil-paragrafu 3.
- L-awtorità superviżorja msemmija fil-paragrafu 1 għandha tieħu kont bl-akbar reqqa tal-opinjoni tal-Bord u fi żmien ġimagħtejn wara li tirċievi l-opinjoni, għandha tikkomunika lill-President tal-Bord b’mod elettroniku jekk ser iżżomm jew temenda l-abbozz ta’ deċiżjoni tagħha u, jekk ikun hemm, l-abbozz emendat ta’ deċiżjoni, bl-użu ta’ format standardizzat.
- Fejn l-awtorità superviżorja kkonċernata tinforma lill-President tal-Bord fil-perijodu msemmi fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu li hija ma tkunx biħsiebha ssegwi, b’mod sħiħ jew parzjali, l-opinjoni tal-Bord, filwaqt li tagħti r-raġunijiet rilevanti, għandu japplika l-Artikolu 65(1).
Artikolu 64