- L-ipproċessar ta’ data personali, li jiżvela oriġini razzjali jew etnika, opinjonijiet politiċi, twemmin reliġjuż jew filosofiku, jew sħubija fi trade union, u l-ipproċessar ta’ data ġenetika, data bijometrika sabiex tidentifika b’mod uniku persuna fiżika, data dwar is-saħħa jew data dwar il-ħajja sesswali u l-orjentazzjoni sesswali ta’ persuna fiżika huma projbiti.
- Il-paragrafu 1 ma għandux japplika jekk japplika wieħed minn dawn li ġejjin:
- (a) is-suġġett tad-data jkun ta kunsens espliċitu għall-ipproċessar ta’ dik id-data personali għal fini speċifiku wieħed jew aktar, għajr fejn il-liġi tal-Unjoni jew il-liġi ta’ Stat Membru tipprevedi li l-projbizzjoni msemmija fil-paragrafu 1 ma tistax titneħħa mis-suġġett tad-data;
- (b) l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet tat-twettiq tal-obbligi u l-eżerċizzju ta’ drittijiet speċifiċi tal-kontrollur jew tas-suġġett tad-data fil-qasam tal-liġi dwar l-impjiegi u dwar il-protezzjoni soċjali u s-sigurtà soċjali sa fejn dan ikun awtorizzat mil-liġi tal-Unjoni jew mil-liġi ta’ Stat Membru jew minn ftehim kollettiv skont il-liġi ta’ Stat Membru li jipprevedu salvagwardji xierqa għad-drittijiet fundamentali u l-interessi tas-suġġett tad-data;
- (c) l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-protezzjoni tal-interessi vitali tas-suġġett tad-data jew ta’ persuna fiżika oħra fejn is-suġġett tad-data ma jkunx fiżikament jew legalment kapaċi li jagħti l-kunsens;
- (d) l-ipproċessar isir waqt l-attivitajiet leġittimi tiegħu b’salvagwardji adatti minn fondazzjoni, assoċjazzjoni jew kwalunkwe korp ieħor mingħajr skop ta’ qligħ b’għan politiku, filosofiku, reliġjuż jew ta’ trade union u bil-kondizzjoni li l-ipproċessar ikun relatat biss mal-membri jew ex membri tal-korp jew ma’ persuni li għandhom kuntatt regolari miegħu b’rabta mal-finijiet tiegħu u li d-data personali ma tkunx żvelata barra dak il-korp mingħajr il-kunsens tas-suġġetti tad-data;
- (e) l-ipproċessar ikun relatat ma’ data personali li b’mod ċar tkun saret pubblika mis-suġġett tad-data;
- (f) l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-istabbiliment, l-eżerċizzju jew id-difiża ta’ talbiet legali jew kull darba li l-qrati jkunu qed jaġixxu fil-kapaċità ġudizzjarja tagħhom;
- (g) l-ipproċessar ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ interess pubbliku sostanzjali, fuq il-bażi tal-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, li għandha tkun proporzjonata mal-għan segwit, tirrispetta l-essenza tad-dritt għall-protezzjoni tad-data u tipprevedi miżuri xierqa u speċifiċi sabiex tissalvagwardja d-drittijiet fundamentali u l-interessi tas-suġġett tad-data;
- (h) l-ipproċessar ikun meħtieġ għall-finijiet ta’ mediċina preventiva jew okkupazzjonali, għall-valutazzjoni tal-kapaċità ta’ ħaddiem għax-xogħol, dijanjosi medika, il-forniment ta’ kura tas-saħħa jew soċjali jew it-trattament jew il-ġestjoni ta’ sistemi u servizzi tal-kura tas-saħħa u soċjali abbażi tal-liġi tal-Unjoni jew tal-liġi ta’ Stat Membru jew skont kuntratt ma’ professjonista fil-kura medika u soġġett għall-kondizzjonijiet u s-salvagwardji msemmija fil-paragrafu 3;
- (i) l-ipproċessar ikun meħtieġ għal raġunijiet ta’ interess pubbliku fil-qasam tas-saħħa pubblika, bħall-protezzjoni kontra theddid transkonfinali serju għas-saħħa jew biex jiġu żgurati standards għoljin ta’ kwalità u sikurezza tal-kura tas-saħħa u ta’ prodotti mediċinali jew apparat mediku, fuq il-bażi tal-liġi tal-Unjoni, jew tal-liġi ta’ Stat Membru li tipprevedi miżuri adatti u speċifiċi sabiex jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data, b’mod partikulari s-segretezza professjonali;
- (j) l-ipproċessar ikun meħtieġ għal finijiet ta’ arkivjar fl-interess pubbliku, għal finijiet ta’ riċerka xjentifika jew storika jew għal finijiet ta’ statistika f’konformità mal-Artikolu 89(1) fuq il-bażi tal-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, li għandha tkun proporzjonata mal-għan segwit, tirrispetta l-essenza tad-dritt għall-protezzjoni tad-data u tipprevedi miżuri xierqa u speċifiċi sabiex tissalvagwardja d-drittijiet fundamentali u l-interessi tas-suġġett tad-data.
- Id-data personali msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tiġi pproċessata għall-finijiet imsemmija fil-punt (h) tal-paragrafu 2 meta dik id-data tiġi pproċessata minn professjonista jew taħt ir-responsabbiltà tiegħu li jkun soġġett għall-obbligu ta’ segretezza professjonali skont il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru jew regoli stabbiliti minn korpi kompetenti nazzjonali jew minn persuna oħra li tkun ukoll soġġetta għal obbligu ta’ segretezza skont il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru jew ir-regoli stabbiliti minn korpi kompetenti nazzjonali.
- L-Istati Membri jistgħu jżommu jew jintroduċu aktar kondizzjonijiet, inklużi limitazzjonijiet, fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data ġenetika, data bijometrika jew data dwar is-saħħa.
Artikolu 9