Artikolu 52

Indipendenza

  • Kull awtorità superviżorja għandha taġixxi b’indipendenza sħiħa fit-twettiq tal-kompiti tagħha u fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħha f’konformità ma’ dan ir-Regolament.
  • Il-membru jew il-membri ta’ kull awtorità superviżorja għandhom, fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u l-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom f’konformità ma’ dan ir-Regolament, jibqgħu ħielsa minn influwenza esterna, sew jekk tkun diretta jew indiretta, u m’għandhomx ifittxu u jieħdu istruzzjonijiet mingħand ħadd.
  • Membru jew membri ta’ kull awtorità superviżorja għandhom iżommu lura minn kwalunkwe azzjoni inkompatibbli mad-dmirijiet tagħhom u ma għandhomx, matul il-mandat tagħhom, jinvolvu ruħhom fi kwalunkwe okkupazzjoni inkompatibbli, sew jekk bi qligħ jew le.
  • Kull Stat Membru għandu jiżgura li kull awtorità superviżorja tiġi pprovduta bir-riżorsi umani, tekniċi u finanzjarji, il-bini u l-infrastruttura meħtieġa għat-twettiq effettiv tal-kompiti tagħha u l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha, inklużi dawk li għandhom jitwettqu fil-kuntest ta’ assistenza, kooperazzjoni u parteċipazzjoni reċiproki fil-Bord.
  • Kull Stat Membru għandu jiżgura li kull awtorità superviżorja tagħżel u jkollha l-persunal tagħha stess li għandu jkun soġġett għad-direzzjoni esklużiva tal-membru jew il-membri tal-awtorità superviżorja konċernata.
  • Kull Stat Membru għandu jiżgura li kull awtorità superviżorja tkun soġġetta għal kontroll finanzjarju li ma jaffettwax l-indipendenza tagħha u li jkollha baġits annwali separati u pubbliċi, li jistgħu jkunu parti mill-baġit globali tal-istat jew nazzjonali.