- Kull kontrollur u, fejn applikabbli, ir-rappreżentant tal-kontrollur, għandu jżomm reġistru tal-attivitajiet ta’ pproċessar taħt ir-responsabbiltà tiegħu. Dak ir-reġistru għandu jkollu l-informazzjoni kollha li ġejja:
- (a) l-isem u d-dettalji tal-kuntatt tal-kontrollur u, fejn applikabbli, il-kontrollur konġunt, ir-rappreżentant tal-kontrollur u l-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data;
- (b) il-finijiet tal-ipproċessar;
- (c) deskrizzjoni tal-kategoriji ta’ suġġetti tad-data u tal-kategoriji ta’ data personali;
- (d) il-kategoriji ta’ riċevituri li lilhom tkun ġiet żvelata jew ser tiġi żvelata d-data personali inklużi riċevituri f’pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali;
- (e) fejn applikabbli, trasferimenti ta’ data personali lil pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali, inkluża l-identifikazzjoni ta’ dak il-pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali u, fil-każ ta’ trasferimenti msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(1), id-dokumentazzjoni ta’ salvagwardji xierqa;
- (f) fejn ikun possibbli, il-limiti ta’ żmien imbassrin għat-tħassir tad-diversi kategoriji ta’ data;
- (g) fejn ikun possibbli, deskrizzjoni ġenerali tal-miżuri tekniċi u organizzattivi ta’ sigurtà msemmija fl-Artikolu 32(1).
- Kull proċessur u, fejn applikabbli, rappreżentant tal-proċessur għandhom iżommu reġistru tal-kategoriji kollha ta’ attivitajiet tal-ipproċessar imwettqa f’isem kontrollur, li jkun fih:
- (a) l-isem u d-dettalji tal-kuntatt tal-proċessur jew proċessuri u ta’ kull kontrollur li l-proċessur qed jaġixxi f’ismu, u, fejn applikabbli, tar-rappreżentant tal-kontrollur jew tal-proċessur, u tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data;
- (b) il-kategoriji tal-ipproċessar imwettaq f’isem kull kontrollur;
- (c) fejn applikabbli, trasferimenti ta’ data personali lil pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali, inkluża l-identifikazzjoni ta’ dak il-pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali u, fil-każ ta’ trasferimenti msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(1), id-dokumentazzjoni ta’ salvagwardji xierqa;
- (d) fejn ikun possibbli, deskrizzjoni ġenerali tal-miżuri tekniċi u organizzattivi ta’ sigurtà msemmija fl-Artikolu 32(1).
- Ir-reġistru msemmi fil-paragrafi 1 u 2 għandu jkun bil-miktub, inkluż f’forma elettronika.
- Il-kontrollur jew il-proċessur u, fejn applikabbli, ir-rappreżentant tal-kontrollur jew tal-proċessur, għandhom jagħmlu r-reġistru disponibbli għall-awtorità superviżorja fuq talba.
- L-obbligi msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx japplikaw għal impriża jew organizzazzjoni li timpjega inqas minn 250 persuna ħlief jekk l-ipproċessar li twettaq x’aktarx jirriżulta f’riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data, l-ipproċessar mhuwiex okkażjonali, jew l-ipproċessar jinkludi kategoriji speċjali ta’ data kif imsemmija fl-Artikolu 9(1) jew l-ipproċessar ta’ data personali relatata ma’ kundanni kriminali u reati msemmija fl-Artikolu 10.
Artikolu 30