Artikolu 23

Restrizzjonijiet

  • Il-liġi tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru li għaliha jkun soġġett il-kontrollur jew il-proċessur tad-data tista’ tirrestrinġi permezz ta’ miżura leġiżlattiva l-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligi u d-drittijiet previsti fl-Artikoli 12 sa 22 u l-Artikolu 34, kif ukoll l-Artikolu 5 sakemm id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu mad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikoli 12 sa 22, meta tali restrizzjoni tirrispetta l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u hija miżura meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika għas-salvagwardja ta’:
    • (a) is-sigurtà nazzjonali;
    • (b) id-difiża;
    • (c) is-sigurtà pubblika;
    • (d) il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, inkluż is-salvagwardji kontra u l-prevenzjoni ta’ theddidiet għas-sigurtà pubblika;
    • (e) objettivi importanti oħrajn ta’ interess pubbliku ġenerali tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, b’mod partikolari interess ekonomiku jew finanzjarju importanti tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru, inkluż, kwistjonijiet monetarji, baġitarji u fiskali, is-saħħa pubblika u s-sigurtà soċjali;
    • (f) il-protezzjoni tal-indipendenza ġudizzjarja u l-proċedimenti ġudizzjarji;
    • (g) il-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta’ ksur ta’ etika għal professjonijiet regolati;
    • (h) funzjoni ta’ monitoraġġ, ispezzjoni jew regolatorja marbuta, anki jekk okkażjonalment, mal-eżerċizzju ta’ awtorità uffiċjali f’każijiet imsemmija fil-punti (a) sa (e) u (g);
    • (i) il-protezzjoni tas-suġġett tad-data jew id-drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni oħrajn;
    • (j) l-infurzar ta’ pretensjonijiet skont id-dritt ċivili.
  • B’mod partikolari, kull miżura leġiżlattiva msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun fiha dispożizzjonijiet speċifiċi tal-inqas, fejn rilevanti, dwar:
    • (a) il-finijiet tal-ipproċessar jew il-kategoriji tal-ipproċessar,
    • (b) il-kategoriji ta’ data personali,
    • (c) l-ambitu tar-restrizzjonijiet introdotti,
    • (d) is-salvagwardji għall-prevenzjoni tal-abbuż jew tal-aċċess jew it-trasferiment illegali;
    • (e) l-ispeċifikazzjoni tal-kontrollur jew il-kategoriji tal-kontrolluri,
    • (f) il-perijodi ta’ ħażna u s-salvagwardji applikabbli b’kont meħud tan-natura, l-ambitu u l-finijiet tal-ipproċessar jew il-kategoriji tal-ipproċessar;
    • (g) ir-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data; u
    • (h) id-dritt tas-suġġetti tad-data li jkunu infurmati dwar ir-restrizzjoni, sakemm dak ma jistax jippreġudika l-finijiet tar-restrizzjoni.