Artikolu 57

Kompiti

  • Mingħajr preġudizzju għal kompiti oħra stabbiliti f’dan ir-Regolament, kull awtorità superviżorja għandha fit-territorju tagħha:
    • (a) timmonitorja u tinforza l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament;
    • (b) tippromwovi s-sensibilizzazzjoni u l-għarfien tal-pubbliku dwar ir-riskji, ir-regoli, is-salvagwardji u d-drittijiet b’rabta mal-ipproċessar. L-attivitajiet indirizzati speċifikament lejn it-tfal għandhom jingħataw attenzjoni speċifika;
    • (c) tagħti pariri, f’konformità mal-liġi tal-Istat Membru, lill-parlament nazzjonali, lill-gvern, u lil istituzzjonijiet u korpi oħra dwar miżuri leġiżlattivi u amministrattivi marbuta mal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar;
    • (d) tippromwovi s-sensibilizzazzjoni tal-kontrolluri u l-proċessuri għall-obbligi tagħhom taħt dan ir-Regolament;
    • (e) fuq talba, tipprovdi informazzjoni lil kwalunkwe suġġett tad-data dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu taħt dan ir-Regolament u, jekk xieraq, tikkoopera mal-awtoritajiet superviżorji fi Stati Membri oħra għal dak il-għan;
    • (f) tittratta lmenti mressqa minn suġġett tad-data, jew minn korp, organizzazzjoni jew assoċjazzjoni f’konformità mal-Artikolu 80, u tinvestiga, sa fejn ikun xieraq, is-suġġett tal-ilment u tinforma lill-ilmentatur dwar il-progress u l-eżitu tal-investigazzjoni f’perijodu ta’ żmien raġonevoli, b’mod partikolari jekk tkun meħtieġa aktar investigazzjoni jew koordinazzjoni ma’ awtorità superviżorja oħra;
    • (g) tikkoopera ma’, inkluż bil-kondiviżjoni ta’ informazzjoni, u tipprovdi assistenza reċiproka lil, awtoritajiet superviżorji oħra bil-ħsieb li tiġi żgurata l-konsistenza tal-applikazzjoni u l-infurzar ta’ dan ir-Regolament;
    • (h) twettaq investigazzjonijiet dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, inkluż abbażi ta’ informazzjoni li taslilha minn awtorità superviżorja jew awtorità pubblika oħra;
    • (i) timmonitorja żviluppi rilevanti, sakemm dawn ikollhom impatt fuq il-protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari l-iżvilupp ta’ teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u prattiki kummerċjali;
    • (j) tadotta l-klawżoli kuntrattwali standard imsemmija fl-Artikolu 28(8) u fil-punt (d) tal-Artikolu 46(2);
    • (k) tistabbilixxi u żżomm lista b’rabta mar-rekwiżit għal valutazzjoni tal-impatt dwar il-protezzjoni tad-data skont l-Artikolu 35(4);
    • (l) tagħti parir dwar l-operazzjonijiet ta’ pproċessar imsemmija fl-Artikolu 36(2);
    • (m) tinkoraġġixxi t-tfassil ta’ kodiċijiet ta’ kondotta skont l-Artikolu 40(1) u tipprovdi opinjoni u tapprova tali kodiċijiet ta’ kondotta li jipprovdu salvagwardji suffiċjenti, skont l-Artikolu 40(5);
    • (n) tħeġġeġ l-istabbiliment ta’ mekkaniżmi ta’ ċertifikazzjoni ta’ protezzjoni tad-data u ta’ siġilli u marki ta’ protezzjoni tad-data skont l-Artikolu 42(1), u tapprova l-kriterji ta’ ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 42(5);
    • (o) fejn applikabbli, twettaq rieżami perjodiku ta’ ċertifikazzjonijiet maħruġa f’konformità mal-Artikolu 42(7);
    • (p) tabbozza u tippubblika l-kriterji għall-akkreditazzjoni ta’ korp għall-monitoraġġ tal-kodiċijiet ta’ kondotta skont l-Artikolu 41 u ta’ korp ta’ ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 43;
    • (q) twettaq l-akkreditazzjoni ta’ korp għall-monitoraġġ tal-kodiċijiet ta’ kondotta skont l-Artikolu 41 u ta’ korp ta’ ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 43;
    • (r) tawtorizza l-klawżoli u d-dispożizzjonijiet kuntrattwali msemmija fl-Artikolu 46(3);
    • (s) tapprova regoli korporattivi vinkolanti skont l-Artikolu 47;
    • (t) tikkontribwixxi għall-attivitajiet tal-Bord;
    • (u) iżżomm reġistru intern tal-ksur ta’ dan ir-Regolament u tal-miżuri meħuda skont l-Artikolu 58(2); u
    • (v) twettaq kwalunkwe kompitu ieħor b’rabta mal-protezzjoni tad-data personali.
  • Kull awtorità superviżorja għandha tiffaċilita s-sottomissjoni ta’ lmenti msemmija fil-punt (f) tal-paragrafu 1, b’miżuri bħal pereżempju formola għas-sottomissjoni tal-ilmenti li tista’ timtela wkoll b’mod elettroniku, mingħajr ma jiġu esklużi mezzi oħra ta’ komunikazzjoni.
  • It-twettiq tal-kompiti ta’ kull awtorità superviżorja għandu jkun bla ħlas għas-suġġett tad-data u, fejn applikabbli, għall-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data.
  • F’każ li t-talbiet ikunu manifestament bla bażi jew eċċessivi, b’mod partikolari minħabba n-natura ripetittiva tagħhom, l-awtorità superviżorja tista’ timponi tariffa raġonevoli bbażata fuq l-ispejjeż amministrattivi, jew tirrifjuta li taġixxi fuq it-talba. L-awtorità superviżorja għandha terfa’ r-responsabbiltà li turi n-natura manifestament bla bażi jew eċċessiva tat-talba.