B’rabta ma’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali, il-Kummissjoni u l-awtoritajiet superviżorji għandhom jieħdu passi xierqa biex:
- (a) jiżviluppaw mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni internazzjonali li jiffaċilitaw l-infurzar effettiv ta’ leġiżlazzjoni għall-protezzjoni ta’ data personali;
- (b) jipprovdu assistenza reċiproka internazzjonali fl-infurzar ta’ leġiżlazzjoni għall-protezzjoni ta’ data personali, inkluż permezz ta’ notifika, riferiment ta’ lment, assistenza investigattiva u skambju ta’ informazzjoni, soġġetti għal salvagwardji xierqa għall-protezzjoni ta’ data personali u drittijiet u libertajiet fundamentali oħra;
- (c) jinvolvu lil partijiet ikkonċernati rilevanti f’diskussjoni u attivitajiet bil-għan li tiżdied il-kooperazzjoni internazzjonali fl-infurzar ta’ leġiżlazzjoni għall-protezzjoni ta’ data personali;
- (d) jippromwovu l-iskambju u d-dokumentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni u prattiki dwar il-protezzjoni ta’ data personali, inkluż dwar konflitti ta’ ġurisdizzjoni ma’ pajjiżi terzi.