- Fejn data personali relatata ma’ suġġett tad-data tinġabar mingħand is-suġġett tad-data, il-kontrollur għandu, fil-ħin li tinkiseb id-data personali, jipprovdi l-informazzjoni kollha li ġejja lis-suġġett tad-data:
- (a) l-identità u d-dettalji ta’ kuntatt tal-kontrollur u, fejn applikabbli, tar-rappreżentant tal-kontrollur;
- (b) id-dettalji ta’ kuntatt tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data, fejn applikabbli;
- (c) l-għanijiet tal-ipproċessar li għalihom hija maħsuba d-data personali kif ukoll il-bażi legali għall-ipproċessar;
- (d) fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-punt (f) tal-Artikolu 6(1), l-interessi leġittimi segwiti mill-kontrollur jew minn parti terza;
- (e) ir-riċevituri jew il-kategoriji ta’ riċevituri tad-data personali, jekk jeżistu;
- (f) fejn applikabbli, il-fatt li l-kontrollur għandu l-ħsieb li jittrasferixxi data personali lejn pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali u l-eżistenza jew l-assenza ta’ deċiżjoni ta’ adegwatezza mill-Kummissjoni, jew fil-każ ta’ trasferimenti msemmija fl-Artikolu 46 jew 47, jew it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 49(1), referenza għas-salvagwardji xierqa jew adatti u l-mezzi li bihom tinkiseb kopja tagħhom jew fejn dawn ikunu saru disponibbli.
- Minbarra l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, il-kontrollur għandu, meta tinkiseb id-data personali, jipprovdi lis-suġġett tad-data l-informazzjoni ulterjuri li ġejja meħtieġa biex jiġi żgurat ipproċessar ġust u trasparenti:
- (a) il-perijodu li matulu d-data personali tkun ser tinħażen, jew jekk dak ma jkunx possibbli, il-kriterji użati biex jiġi ddeterminat dak il-perijodu;
- (b) l-eżistenza tad-dritt li jitlob mingħand il-kontrollur aċċess jew rettifika jew tħassir ta’ data personali jew restrizzjoni tal-ipproċessar rigward is-suġġett tad-data jew li joġġezzjona għall-ipproċessar kif ukoll id-dritt għall-portabbiltà tad-data;
- (c) fejn l-ipproċessar ikun ibbażat fuq il-punt (a) tal-Artikolu 6(1) jew il-punt (a) tal-Artikolu 9(2), l-eżistenza tad-dritt li jiġi irtirat il-kunsens fi kwalunkwe ħin, mingħajr ma tiġi affettwata l-legalità tal-ipproċessar abbażi ta’ kunsens qabel l-irtirar tiegħu;
- (d) id-dritt li jitressaq ilment quddiem awtorità superviżorja;
- (e) jekk il-forniment ta’ data personali huwiex rekwiżit statutorju jew kuntrattwali, jew rekwiżit meħtieġ biex wieħed jidħol f’kuntratt, kif ukoll jekk is-suġġett tad-data huwiex obbligat jipprovdi d-data personali u l-konsegwenzi possibbli meta wieħed jonqos milli jipprovdi tali data;
- (f) l-eżistenza ta’ teħid awtomatizzat ta’ deċiżjonijiet inkluż it-tfassil ta’ profili msemmi fl-Artikolu 22(1) u (4) u għall-inqas f’dawk il-każijiet, l-informazzjoni importanti dwar il-loġika involuta, kif ukoll is-sinifikat u l-konsegwenzi previsti ta’ tali pproċessar għas-suġġett tad-data.
- Fejn il-kontrollur ikollu l-intenzjoni li jipproċessa d-data personali ulterjorment għal fini differenti minn dak li għalih tkun inġabret id-data personali, il-kontrollur għandu jipprovdi lis-suġġett tad-data, qabel dak l-ipproċessar ulterjuri, b’informazzjoni dwar dak il-fini l-ieħor u kwalunkwe informazzjoni ulterjuri rilevanti kif imsemmi fil-paragrafu 2.
- Il-paragrafi 1, 2 u 3 ma għandhomx japplikaw meta u sa fejn is-suġġett tad-data diġà jkollu l-informazzjoni.
Artikolu 13