- Kull awtorità superviżorja għandha tiżgura li l-impożizzjoni ta’ multi amministrattivi skont dan l-Artikolu fir-rigward ta’ ksur ta’ dan ir-Regolament imsemmi fil-paragrafi 4, 5 u 6 għandha tkun effettiva, proporzjonata u dissważiva f’kull każ individwali.
- Il-multi amministrattivi għandhom, skont iċ-ċirkostanzi ta’ kull każ individwali, jiġu imposti flimkien ma’, jew minflok, miżuri msemmija fil-punti (a) sa (h) u (j) tal-Artikolu 58(2). Meta jiġi deċiż jekk għandiex tiġi imposta multa amministrattiva u jiġi deċiż l-ammont tal-multa amministrattiva, f’kull każ individwali, għandha tingħata konsiderazzjoni dovuta lil dawn li ġejjin:
- (a) in-natura, il-gravità u d-dewmien tal-ksur b’kont meħud tan-natura, l-ambitu jew il-fini tal-ipproċessar ikkonċernat kif ukoll l-għadd ta’ suġġetti tad-data affettwati u l-livell ta’ dannu mġarrab minnhom;
- (b) il-karattru intenzjonali jew negliġenti tal-ksur;
- (c) kwalunkwe azzjoni meħuda mill-kontrollur jew il-proċessur biex jittaffa d-dannu mġarrab mis-suġġetti tad-data;
- (d) il-grad ta’ responsabbiltà tal-kontrollur jew il-proċessur b’kont meħud tal-miżuri tekniċi u organizzattivi implimentati minnu skont l-Artikoli 25 u 32;
- (e) kwalunkwe ksur preċedenti rilevanti mill-kontrollur jew il-proċessur;
- (f) il-grad ta’ kooperazzjoni mal-awtorità superviżorja, sabiex jiġi rimedjat il-ksur u jittaffew l-effetti avversi possibbli tal-ksur;
- (g) il-kategoriji ta’ data personali affettwati mill-ksur;
- (h) il-mod li bih il-ksur sar magħruf mill-awtorità superviżorja, b’mod partikolari jekk, u jekk ikun hekk il-każ sa fejn, il-kontrollur jew il-proċessur innotifika l-ksur;
- (i) fejn miżuri msemmija fl-Artikolu 58(2), ikunu ġew ordnati minn qabel kontra l-kontrollur jew il-proċessur ikkonċernat fir-rigward tal-istess suġġett, il-konformità ma’ dawk il-miżuri;
- (j) l-aderenza mal-kodiċijiet approvati ta’ kondotta skont l-Artikolu 40 jew mal-mekkaniżmi approvati ta’ ċertifikazzjoni skont l-Artikolu 42; u
- (k) kwalunkwe fattur aggravanti jew mitiganti applikabbli għaċ-ċirkostanzi tal-każ, bħal benefiċċji finanzjarji miksuba, jew telfiet evitati, direttament jew indirettament, mill-ksur.
- Jekk kontrollur jew proċessur, intenzjonalment jew b’negliġenza, għall-istess operazzjonijiet ta’ pproċessar jew għal dawk b’rabta ma’ xulxin, jikser diversi dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament, l-ammont totali tal-multa amministrattiva ma għandux jaqbeż l-ammont speċifikat għall-ksur l-aktar gravi.
- Il-ksur tad-dispożizzjonijiet li ġejjin għandu, f’konformità mal-paragrafu 2a, ikun soġġett għal multi amministrattivi sa EUR 10 000 000, jew fil-każ ta’ impriża, sa 2 % tal-fatturat annwali dinji totali tas-sena finanzjarja preċedenti, skont liema jkun l-ogħla:
- (a) l-obbligi tal-kontrollur u tal-proċessur skont l-Artikoli 8, 11, 25 sa 39 u 42 u 43;
- (b) l-obbligi tal-korp ta’ ċertifikazzjoni skont l-Artikoli 42 u 43;
- (c) l-obbligi tal-korp ta’ monitoraġġ skont l-Artikolu 41(4);
- Il-ksur tad-dispożizzjonijiet li ġejjin għandu, f’konformità mal-paragrafu 2a, ikun soġġett għal multi amministrattivi sa EUR 20 000 000, jew fil-każ ta’ impriża, sa 4 % tal-fatturat annwali dinji totali tas-sena finanzjarja preċedenti, skont liema jkun l-ogħla:
- (a) il-prinċipji bażiċi għall-ipproċessar, inklużi l-kondizzjonijiet għal kunsens, skont l-Artikoli 5, 6, 7 u 9;
- (b) id-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont l-Artikoli 12 sa 22;
- (c) it-trasferimenti ta’ data personali lil riċevitur f’pajjiż terz jew organizzazzjoni internazzjonali skont l-Artikoli 44-49;
- (d) kwalunkwe obbligu skont il-liġi tal-Istat Membru adottat taħt il-Kapitolu IX;
- (e) nuqqas ta’ konformità ma’ ordni jew limitazzjoni temporanja jew definittiva fuq l-ipproċessar jew is-sospensjoni ta’ flussi ta’ data mill-awtorità superviżorja skont l-Artikolu 58(2) jew nuqqas milli jingħata aċċess bi ksur tal-Artikolu 58(1).
- Nuqqas ta’ konformità ma’ ordni mill-awtorità superviżjorja kif imsemmija fl-Artikolu 58(2) għandu, f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, ikun soġġett għal multi amministrattivi sa EUR 20 000 000, jew fil-każ ta’ impriża, sa 4 % tal-fatturat annwali dinji totali tas-sena finanzjarja preċedenti, skont liema jkun l-ogħla.
- Mingħajr preġudizzju għas-setgħat korrettivi ta’ awtoritajiet superviżorji skont l-Artikolu 58(2), kull Stat Membru jista’ jistipula r-regoli dwar jekk u sa fejn multi amministrattivi jistgħu jiġu imposti fuq awtoritajiet jew korpi pubbliċi stabbiliti f’dak l-Istat Membru.
- L-eżerċizzju mill-awtorità superviżorja tas-setgħat tagħha taħt dan l-Artikolu għandu jkun soġġett għal salvagwardji proċedurali xierqa f’konformità mal-liġi tal-Unjoni u l-liġi tal-Istat Membru, inklużi rimedju ġudizzjarju u proċess dovut effettivi.
- Fejn is-sistema legali tal-Istat Membru ma tipprevedix multi amministrattivi, dan l-Artikolu jista’ jiġi applikat b’tali mod li l-multa tinbeda mill-awtorità superviżorja kompetenti u tiġi imposta minn qrati nazzjonali kompetenti, filwaqt li jiġi żgurat li dawk ir-rimedji legali jkunu effettivi u jkollhom effett ekwivalenti għall-multi amministrattivi imposti mill-awtoritajiet superviżorji. Fi kwalunkwe każ, il-multi imposti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. Dawn l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar id-dispożizzjonijiet tal-liġijiet tagħhom li huma jadottaw skont dan il-paragrafu sal-25 ta’ Mejju 2018 u, mingħajr dewmien, dwar kwalunkwe liġi ta’ emenda jew emenda sussegwenti li taffettwahom.
Artikolu 83